Kisbiet
It-tneħħija tal-piena tal-mewt
Il-Kunsill tal-Ewropa kellu rwol ta' pijunier fil-ġlieda għat-tneħħija tal-piena kapitali, li huwa jqis li m'għandhiex post fis-soċjetajiet demokratiċi. F'April 1983 adotta l-Protokoll Nru 6 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jneħħi l-piena tal-mewt, segwit f’Mejju 2002 mill-Protokoll Nru 13 dwar it-tneħħija f'kull ċirkostanza.
It-tneħħija tal-piena tal-mewt saret prekundizzjoni għas-sħubija fil-Kunsill tal-Ewropa. L-ebda piena tal-mewt ma twettqet f’ebda wiehed mis-46 stat membru tal-Organizzazzjoni sa mill-1997.
Tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem
Kull pajjiż li jingħaqad mal-Kunsill tal-Ewropa jaqbel li jkun suġġett għal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti li jivvalutaw il-konformità tieghu mad-drittijiet tal-bniedem u l-prassi demokratika.
Eżempju wieħed huwa l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura, li regolarment jagħmel żjarat mhux imħabbra f’postijiet ta' detenzjoni fis-46 Stat Membru (ħabsijiet, għases tal-pulizija, ċentri ta’ detenzjoni ta’ ċittadini barranin) sabiex jevalwa l-mod li bih in-nies imċaħħda tal-libertà tagħhom qeghdin jiġu trattati.
Min-naħa tiegħu, il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali jivverifika li d-drittijiet għall-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u moviment liberu, iggarantiti mill-Karta Soċjali Ewropea, jiġu implimentati mill-pajjiżi kkonċernati.
Eżempju ieħor huwa l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), li jidentifika nuqqasijiet fil-politika nazzjonali ta' kontra l-korruzzjoni u jħeġġeġ lill-istati biex iwettqu r-riformi leġiżlattivi, istituzzjonali jew amministrattivi meħtieġa. L-evalwazzjoni tiegħu hija msejsa fuq il-konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa.
Non-diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, ghal kwalunkwe raguni. Il-Kunsill tal-Ewropa jwettaq attivitajiet varji biex iħares il-minoranzi, inklużi l-akbar minoranza fl-Ewropa, ir-Roma.
L-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Inklużjoni tar-Roma, per eżempju, hija inizjattiva tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Riżultat tanġibbli tal-Alleanza huwa l-proġett Romact li jitmexxa b'mod konġunt mal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza tanaliżża dawn il-problemi speċifiċi u tagħmel rakkomandazzjonijiet regolari lis-46 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kunsill tal-Ewropa wkoll għandu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba orjentazzjoni sesswali jew identità sesswali.
Fl-aħħarnett, il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali taħseb għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jevalwa u jtejjeb il-protezzjoni tal-minoranzi fil-pajjiżi kkonċernati.
Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Inklużjoni tar-Roma
Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza
Il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni
Ma jistax ikun hemm demokrazija vera mingħajr libertà tal-espressjoni u mingħajr media ħielsa u pluralista. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem toffri protezzjoni wiesgħa ħafna ghall-istampa, speċjalment fejn jolqot in-natura kunfidenzjali ta' għejjun ġurnalistiċi. Skond il-Qorti, in-nuqqas ta' din il-protezzjoni tista' tnaffar lil dawn l-għejjun milli igħinu lill-istampa biex iżżomm lin-nies infurmati dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku.
Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni tapplika wkoll għal forom ġodda ta' komunikazzjoni tal-massa, inkluż l-Internet. Il-Kunsill tal-Ewropa huwa dejjem attiv fil-ħarsien ta' dan id-dritt, b'għajnejh miftuħa għal kull żvilupp.
Huwa jgħin diversi Stati Membri tiegħu sabiex itejbu l-leġiżlazzjoni u l-politika tagħhom dwar il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa. Jiġu organizzati wkoll korsijiet ta' taħriġ u żjarat ta' studju għall-professjonisti tal-media.
Ugwaljanza tas-sessi
Fl-isfera tal-ġustizzja u d-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi issa hija meqjusa bħala importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi. L-għan tal-istrumenti rilevanti tal-Kunsill ta' Ewropej huwa li tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u li jippromwovu r-rwol tan-nisa fis-soċjetà.
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq n-nisa, li tikkostitwixxi pass sinifikanti 'l quddiem f'dan il-qasam, hija msejsa fuq il-premessa li din il-vjolenza ma tistax tinqered sakemm ma jsirux sforzi biex tinkiseb ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel.
Protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal
It-tfal huma vulnerabbli u jiddependu fuq l-adulti għal ħafna mill-bżonnijiet tagħhom. L-għan tal-programm tal-Kunsill tal-Ewropa għat-tfal huwa li jipproteġi d-drittijiet tagħhom, jipprevjeni kull tip ta' vjolenza kontrihom, jiżgura li d-delinkwenti jiġu mħarrka u jippromwovi l-parteċipazzjoni tat-tfal f'dawn id-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.
Għalhekk il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali hija l-ewwel strument li tikkriminalizza l-abbuż sesswali tat-tfal, inkluż fid-dar jew fil-familja. Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl 1 ta’ Lulju, 2010.
Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ewropa adotta linji gwida biex jitjieb l-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja.
Ħarsien tad-diversità kulturali
Wara l-adozzjoni fl-2008 tal-"White Paper” dwar id-Djalogu Interkulturali, il-Kunsill tal-Ewropa beda bosta programmi fuq it-taħriġ għall-għalliema, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-koeżjoni soċjali, inkluż djalogu annwali mal-komunitajiet reliġjużi u rappreżentanti ta' twemmin mhux reliġjuż. Netwerk ta' Bliet Interkulturali jgħin lill-ibliet membri sabiex iġestixxu aħjar id-diversità kulturali u jrawmu taħlit u interazzjoni bejn il-gruppi eteroġeni f'postijiet pubbliċi sabiex jippromwovu l-koeżjoni. Ifassal ukoll għodod biex jirrisolvi konflitti kulturali.
Sabiex jiġi promoss il-ftehim interkulturali, il-Kunsill tal-Ewropa iħejji programmi u għodda biex jitjieb it-tagħlim tal-lingwi.
Osservazzjoni tal-elezzjonijiet
Permezz tal-attivitajiet tagħha ta' pariri u ta' osservazzjoni, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u xi istituzzjonijiet Ewropej oħra, bħall-OSCE, jgħinu biex jiggarantixxu elezzjonijiet demokratiċi, liberi u ġusti madwar il-kontinent.
Il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali perjodikament josserva elezzjonijiet lokali u reġjonali fis-46 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-missjonijiet tiegħu ta' osservazzjoni ikopru l-proċess elettorali kollu u jikkomplementaw l-attivitajiet tiegħu fil-monitoraġġ tal-Karta Ewropea ta' Tmexxija Awtonoma Lokali.
Barra minn hekk, sabiex jittejjeb il-process xieraq tal-elezzjonijiet, il-Kunsill tal-Ewropa ifassal programmi ta' assistenza għar-riforma fundamentali tal-leġiżlazzjoni elettorali, għat-tfassil ta' reġistri elettorali u għat-taħriġ ta' osservaturi nazzjonali u uffiċjali elettorali.
Taħrig fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
Id-demokrazija testendi wkoll għall-parteċipazzjoni pubblika attiva fil-ħajja komunitarja, speċjalment fil-kuntest tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kunsill tal-Ewropa jiżviluppa strateġiji u għodda sabiex jippromwovi t-tagħlim tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Edukazzjoni għaċ-Ċittadinanza Demokratika u d-Drittijiet tal-Bniedem turina kif jistgħu jitħaddmu dawn il-valuri fil-prattika.
Aktar minn 5,000 mexxejja taż-żgħażagħ huma mħarrġa kull sena fiċ-Ċentri Ewropej taż-Żgħażagħ tal-Kunsill f'Budapest u fi Strasburgu. Il-korsijiet provduti jipproduċu effett kaskata, bil-mexxejja taż-żgħażagħ jgħaddu dak li jkunu tgħallmu lill-membri tal-assoċjazzjonijiet tagħhom. Aktar minn 15,000 żgħażagħ jibbenefikaw ukoll minn proġetti appoġġjati mill-Fondazzjoni Ewropea taż-Żgħażagħ bil-għan li tippromwovi l-ftehim, it-tolleranza u s-solidarjetà.
Kwalità tal-mediċini u kura tas-saħħa
Il-missjoni tad-Direttorat Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Kwalità tal-Mediċini u l-Kura tas-Saħħa (EDQM) hija li tikkontribwixxi għad-dritt bażiku tal-bniedem li jkollu aċċess għal mediċini ta’ kwalità tajba u għal kura tas-saħħa, u biex tippromwovi u tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.
Ix-xogħol tal-EDQM iħaddan oqsma speċifiċi, bħal mediċini, trasfużjoni tad-demm, trapjant, kif ukoll prodotti kożmetiċi u materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Skont il-missjoni tagħha, l-attivitajiet kollha tal-EDQM għandhom l-għan li jiżguraw l-aqwa standards għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-kontinent kollu.
Did you know?
In 1964, the Committee of Ministers of the Council of Europe declared 5 May Europe Day.
Liema politikant ewlieni, meta kien jitkellem fil-Kunsill tal-Ewropa, sejjaħ għall-bini ta’ "dar komuni Ewropea”?